Appostolat tat-Talb

  • Increase font size
  • Default font size
  • Decrease font size
Appostolat tat-Talb, Apostleship of Prayer - Malta
Home Qalb ta' Ġesù
Qalb ta' Ġesù

Tifsira

E-mail Print PDF

Tkun devot tal-Qalb ta’ Ġesù meta tixtieq tħobb kif iħobb Ġesù. Nafu kif iħobb Gesù l-aktar permezz tal-Vanġelu.

Din it-talba, ispirata minn Fr Pedro Arrupe sj, li kien Superjur Ġenerali tal-Ġiżwiti, għandha tagħtik dawl ġdid dwar kif ħabb Ġesù: kemm kien uman fl-Imħabba Divina tiegħu.

Agħmel Mulej li nħoss bl-istess sentimenti ta’ Qalbek.
Għallimni kif kont iġġib ruħek mad-dixxipli tiegħek, l-aktar dawk viċin tiegħek, bħal Pietru u Ġuda... kif ħsiltilhom saqajhom!
Fakkarni kif ġibt ruħek mal-midinbin, mat-tfal, mal-Fariżej, ma’ Pilatu u ma’ Erodi.
Għallimni nagħder lil min qed ibati, lill-foqra, lill-għomja, lill-magħtubin u lil-lebbrużi.
Urini kif kont taqsam man-nies dak li kien   l-aktar għal qalbek..... meta ħariġlek id-dmugħ jew meta ħassejtek imnikket u mdejjaq.
Int ma żammejtx lura milli twissi lil min ma kienx jimxi sew iżda t-tjubija tiegħek kienet tiġbed lill-folol.
Tassew li kont iebes miegħek innifsek meta għext imċaħħad minn ħafna ħwejjeġ u ħdimt bla waqfien, iżda mal-oħrajn kont kollok tjubija u ħerqan biex taqdihom.
Qalbek kienet tistrieħ fl-intimità ma’ Missierek fit-talb... ta’ spiss tul il-lejl kollu.
Biddilt il-ħajja ta’ dawk li ltaqgħu miegħek. Kif jista’ xi ħadd jinsa l-impatt li kellek fuq Marija Maddalena jew fuq il-ħalliel it-tajjeb waqt li kont imdendel fuq is-salib, bla ma ħaqqek.
Ġesù iġbidni lejn Qalbek, minfuda b’imħabba għall-bnedmin... għalija. Fil-pjagi tiegħek aħbini sabiex imġedded mill-Ispirtu Tiegħek, inkun xhud tal-Imħabba Tiegħek f’dak kollu li jinqala’ f’ħajti.
 

Paray-le-Monial

E-mail Print PDF

“Margerita, Jien inwiegħed fil-miżerikordja kbira tal-Qalb Tiegħi, li dawk kollha li għal disa’ xhur wara xulxin jitqarbnu fl-ewwel ġimgħa ta’ kull xahar, nagħtihom il-grazzja li waqt is-siegħa tal-mewt  tagħhom, ikollhom l-indiema ta' dnubiethom.” 

Kif bdiet din il-Ġrajja
Fis-seklu Sbatax il-fidi tal-poplu Franċiż kienet marret lura. Ħafna kienu dawk li daru kontra l-Knisja u t-tagħlim tagħha. L-istruttura tal-Knisja li nbniet tul is-sekli ta’ qabel, bdiet tiddgħajjef sew bit-twaqqif tal-Protestantiżmu u l-ereżijji li bdew jitferrxu bil-Ġanseniżmu. Madankollu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, din il-mewġa kontra l-Knisja bdiet tintrebaħ bil-mod il-mod. Tliet qaddisin li huma magħrufin ħafna fil-Knisja kienu ferm effetivi f'din il-ġlieda. John Eudes u Claude de la Columbiere, it-tnejn Franċiżi, kienu kittieba Ġiżwiti, fil-waqt li Margerita Maria Alacoque kienet soru sempliċi fil-monasteru tal-Viżitazzjoni ta’ Paray-le-Monial. Ix-xogħol tagħhom kien li jferrxu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Santa Margerita Maria Alacoque
Hija twieldet fl-1647 fil-belt ta’ Janots, ġewwa Burgundy. Kienet il-ħames tifla, minn sebgħa. Il-ġenituri tagħha kienu Claude u Philiberte Alacoque. Missierha, li kien nutar, kellu xi rabta aristokratika u kien tat-tajjeb. Kellhom ukoll razzett bl-għelieqi. Meta kien għad kellha tmien snin, Margerita nħasdet  bil-mewt ta’ missierha. Din il-mewt tefgħet lill-familja fi żminijiet iebsa. Minkejja dan, Margerita kienet tattendi l-iskola tas-sorijiet Urbanisti ġo Charolles. Dawn is-sorijiet kienu impressjonati bid-devozzjoni tagħha, tant li ħallewha tagħmel l-Ewwel Tqarbina fl-età ta’ disa’ snin.
Kellha toqgħod għal erba’ snin sħaħ fis-sodda b'uġigħ fl-għekiesi. Dan iż-żmien qattgħetu ġod-dar ta’ missierha. Ir-razzett kien qiegħed jitmexxa mill-qraba, u kemm Margerita kif wkoll ommha kienu ttrattati ħażin daqs li kieku kienu qaddejja. Saħansitra meta fieqet, hija baqgħet tbati ħafna minħabba fil-qraba tagħha li lanqas kienu jħalluha tmur il-quddies kemm kienet tixtieq hi. Minħabba f’hekk kienet tqatta'  ħin tibki u titlob waħedha fil-ġnien. Din is-sitwazzjoni nbidlet meta ħuha l-kbir laħaq l-età u għalhekk il-familja setgħet terġa tibda tmexxi r-razzett hi.
 Wara li kellha viżjoni, fl-età ta’ għoxrin sena, Margerita ddeċidiet li tidħol soru. Ta’ tnejn u għoxrin sena għamlet il-wegħdiet tagħha fil-kunvent tal-Viżitazzjoni ta’ Paray-le-Monial. L-Ordni tal-Viżitazzjoni kien twaqqaf minn San Franġisk de Sales fis-seklu sbatax. Dan l-ordni, f'dan is-seklu kien magħruf ħafna għall-umiltà u l-ġenerożità. Bħala novizza, Margerita marret ħafna l-quddiem fil-virtujiet, u minn dak iz-zmien u matul ħajjitha kollha kienet tagħmel ħafna penitenzi u mortifikazzjonijiet.
Wara ftit taż-żmien ġol-kunvent, Margerita beda jkollha d-dehriet, infatti l-ewwel waħda ġrat fis-27 ta’ Diċembru, 1673 ġol-kappella. Hawnhekk il-Mulej qalilha li bil-għajnuna tagħha ried juri l-imħabba kbira tiegħu lejn l-umanità u li permezz ta' din l-imħabba ried jifrex grazzji kbar. Dawn id-dehriet damu sejrin għal tmintax-il xahar. Madankollu, meta fetħet qalbha mas-Superjura tagħha, u qaltilha li ġiet magħżula biex tinxtered id-devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù, din ta’ l-aħħar  ċanfritha għall-prużunzjoni tagħha. Din il-ħaġa, qalbet u ħawdet għall-aħħar lil Margerita, tant li wara li ħassha ħażin, mardet serjament. Hawnhekk is-Superjura bdiet tinduna li żbaljat bil-mod kif kienet ċanfritha u wegħdet lill-Mulej li jekk Margerita tfieq, teħodha li kollox kien ġej minn Alla. Fil-fatt Margerita fieqet u biex is-Superjura tkun ċerta, stiednet lill-Ġiżwita Claude de la Columbiere li, wara li tkellem ma' Margerita, kien konvint mill-ġenwinità tar-revelazjonijiet li kellha. Għalhekk kiteb il-ġrajja tas-soru u ta bidu għal din id-devozzjoni fl-Ingilterra.
Fl-1681 Father Claude mar lura lejn il-kunvent, fejn sena wara miet. Margerita laħqet assistenta tas-superjura fl-età ta’ 43 sena u ftit wara mardet. Fi ftit żmien marret lura ħafna u wara li rċeviet l-aħħar Sagrament mietet bil-kliem "M’għandi bżonn xejn ħlief lil Alla, u li nintilef fil-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.”  Għalkemm din id-devozzjoni kienet tiġi pprattikata qabel, issa permezz ta’ Father Claude tferxet b'aktar ħeġġa u qawwa.