Appostolat tat-Talb

  • Increase font size
  • Default font size
  • Decrease font size
Appostolat tat-Talb, Apostleship of Prayer - Malta
Home Għajnuniet Adorazzjoni Adorazzjoni - Jannar 2010

Adorazzjoni - Jannar 2010

E-mail Print PDF

Il-Papa jixtieq li matul ix-xahar ta’ Jannar nitolbu ħalli ż-żgħażaġħ jitgħallmu jħaddmu l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni għall-ġid tagħhom personali u biex ’il quddiem jaqdu aħjar lis-soċjetà

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew [Mt:28:16- 20 ]
Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: "Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.  Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien."

Mulej, Kemm jinbidlu l-affarijiet malajr !
Xi ħamsin sena ilu, ftit familji biss kellhom telefon jew televixin id-dar. Illum kulħadd jiġri bil-mobile saħansitra tfal żgħar, u kważi kulħadd għandu kompjuter u internet id-dar.

It-teknoloġija tal-informatika u komunikazzjoni għamlu passi ta’ ġgant. Għaqdu pajjiżi mbegħdin ma’ xulxin u llum tista’ tkun taf x’qed jiġri f’pajjiż imbiegħed dak il-ħin stess. Ħadd ma għadu iżolat, ħadd m’għadu għalih waħdu. Sirna tassew dinja waħda.
Iżda Mulej, it-teknoloġiji ġodda ġabu magħhom ukoll skjavitu’ ġdid. Tfal, żgħażagħ u adulti jqattgħu sigħat twal quddiem il-kompjuter, maqtugħin għalihom weħidhom, jilgħabu xi logħob, jitkellmu ma’ nies li lanqas biss jafu, jekk mhux ukoll imwaħħlin quddiem siti pornografiċi.
Pero’ minkejja dawn il-perikli ġodda, xorta dawn il-meżżi ta’ komunikazzjoni jagħmlu ħafna ġid jekk nagħrfu nużawhom tajjeb. Kulħadd għandu ċ-ċans, speċjalment iż-żgħażagħ, biex  jitgħallem u  jħaddem il-mezzi moderni tal-komunikazzjoni għall-ġid tiegħu personali u biex ’il quddiem jaqdi aħjar lis-soċjetà
Kemm il-darba ġens wera solidarjetà ma’ ieħor meta xi xena ta’ qirda, ġuħ jew xi gwaj ieħor intweriet fuq it-televiżżjoni u l-medja!
Mulej inti sejjaħt lid-dixxipli tiegħek u bgħatthom biex jagħmlu dixxipli lill-ġnus kollha. U Int għadek issejjħilna sal-ġurnata tallum. U tridna ninqdew bil-mezzi tallum biex nagħmlu dan. Inti ssejjaħt kbar u żgħar, xjuħ u żgħażagħ. U forsi Mulej, ħadd iktar miż-żgħażagħ ma jafu jużaw tajjeb dawn il-mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda  minħabba li twieldu mdawwrin bihom.
Fil-fatt il-Papa jagħraf dan sewwa u sfida liż-żgħżagħ biex jużaw il-media biex jikbru u jimmaturaw, biex b’hekk jippreparaw lilhom innifishom biex ikunu jistgħu jgħinu u jagħtu kontribut tajjeb fis-soċjetà . Jixtieq ukoll li huma jibnu kultura ta’ rispett, ta’ djalogu u ta’ ħbiberija, meta jużaw it-teknoloġija moderna biex b’hekk ikunu ta’ servizz għall-oħrajn.
Hawn ħafna tajjeb Mulej fost iż-żgħażagħ, għalkemm sfortunatament jissemma wisq il-ħażin li jagħmlu xi wħud minnhom.  Għalhekk Mulej agħti d-dehen liż-żgħażagħ biex meta jkunu qed jużaw it-teknoloġija moderna, jżommu dejjem f’moħħhom li mhux kemm tagħmel kuntant jgħodd, iżda kif tagħmlu u kemm jirnexxielek tgħaddi valuri nsara ma’ min tkun qed tikkomunika. B’hekk huma jkunu qed iwieġbu għas-sejħa tiegħek biex jagħmlu dixxipli lill-ġnus kollha.

KANT

Qari mit-tieni ittra ta’ San Pietru (1: 10-11)
Għalhekk ħuti, b’ħeġġa akbar għandkom tfittxu li saħħu s-sejħa u l-għażla tagħkom: għax jekk tagħmlu hekk ma titfixxklu qatt. U hekk ikollkom miftuħ beraħ quddiemkom il-bieb tad-dħul fis-Saltna ta’ dejjem ta’ Sidna  u s-salvatur Ġesù Kristu.

Mulej, illum iż-żgħażagħ għandhom ħafna għażliet quddiemhom u biex ma jitfixklux hemm bżonn li jsaħħu s-sejħa u l-għażla tagħhom.
M’intiex tgħidilhom biex jgħixu f’dinja għalihom, maqtugħin minn din il-ħajja. Anzi tridhom jgħixu ħajjithom fil-milja kollha tagħha, fost żgħażagħ oħra, adulti u tfal. Tridhom jagħrfu l-għażla tagħhom u jsaħħuha billi jkunu ta’ eżempju għall-oħrajn. Għalhekk il-Papa ta sfida liż-żgħażagħ. Ħeġġiġhom biex jużaw il-meżżi tax-xandir u t-teknoloġija moderna. Ħajjarhom biex ma jibżgħux ikunu attivi, ma jibżgħux ixerdu t-tagħlim ta’ Ġesù permezz ta’ l-internet fi spirtu ta’ rispett, djalogu u ħbiberija.

Il-Papa jħeġġiġna biex nitolbu ħalli ż-żgħażaġħ jitgħallmu jħaddmu l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni għall-ġid tagħhom personali u biex ’il quddiem jaqdu aħjar lis-soċjetà. Id-diffikultà quddiem dawn il-mezzi moderni hi li ż-żgħażagħ jintilfu f’dinja virtwali, jinqatgħu minn sħabhom u minn tal-familja u jaħarbu mir-realtà ta’ madwarhom. Bħalma jgħid San Pietru, iż-żgħażagħ hemm bżonn li jsaħħu s-sejħa u l-għażla tagħhom ħalli huma stess jintroduċu fl-ambjent tat-teknoloġija u informatika l-valuri li qed jibnu ħajjithom. B’hekk ikunu qed jagħtu xhieda qawwuja fid-dinja tal-lum.
Għalhekk Mulej nixtieq nitlob, biex iż-żgħżagħ ma jibżgħux jaqsmu l-ikbar rigal li jistgħu jagħtu lis-soċjetà: jiġifieri li jaqsmu magħhom l-Aħbar it-Tajba li Alla sar bniedem, bata u miet,  u qam mill-imwiet biex isalva lill-ġnus kollha ta’ l-art. Nitolbu

Nitolbu biex jinħolqu networks li permezz tagħhom ikun hemm forom  ta’ kooperazzjoni bejn il-ġnus u l-popli li għandhom kultura oħra kif ukoll li jiġu minn reġjuni differenti, biex jippromovu solidarjetà, ġustizzja u paċi fost il-ġnus kollha. Nitolbu

Nitolbu biex fit-tfittxija tagħhom għal verità u dak kollu li hu sabiħ u tajjeb, iż-żgħżagħ jibnu djalogu ma’ l-oħrajn li jwassal għas-sewwa, ġustizzja u tolleranza. Nitolbu

Nitolbu ukoll, biex dawk il-popli li huma emarġinizzati soċjalment jew ekonikament, ikollhom ċans huma ukoll jużaw t-teknoloġija moderna biex isir tqassim sewwa tal-għerf u informazzjoni. Nitolbu

Nitolbu biex kull min jużaw it-teknoloġija moderna, ma jagħmilx użu minn kliem jew stampi li jbaxxu d-dinjità tal-bniedem. Nitolbu

KANT

 

Add your comment

Your name:
Subject:
Comment: