L-Appostolat tat-Talb iwitti triq ta’ għaqda mal-Mulej fiċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum. L-insara li jgħarfu t-tjubija bla tarf ta’ Alla jiġu mħajra biex iwieġbu għaliha billi jikkonsagraw lilhom infushom u ‘l-familji tagħhom lill-Qalb Minfuda ta’ Ġesu’. Din il-konsagrazzjoni tkun imġedda kull fil-għodu permezz tal-Offerta tal-Ġurnata li wieħed jagħmel f’għaqda ma’ l-Offerta ta’ Kristu lill-Missier fl-Ewkaristija. Din l-għaqda mal-Mulej fil-ħajja ta’ kuljum għandha twassal u tkabbar fina x-xewqa li nkunu qalb waħda mal-Knisja billi nitolbu ma’ Marija Omm il-Mulej għall-isfidi universali u lokali tal-Knisja – kif imħabbrin lilna mill-Fehmiet tal-Papa u tal-Isqfijiet tagħna kull xahar.
F’din il-website għandek issib, kemm bl-Ingliż u kemm bil-Malti, tagħrif dwar l-istorja u l-ispiritwalita’ ta’ din l-organizzazzjoni dinjija, kif ukoll riflessjonijiet dwar id-devozzjoni lejn il-Qalb Minfuda ta’ Ġesu’ u l-Offerta tal-Ġurnata. Issib ukoll ħafna materja dwar il-Fehmiet tal-Papa li jkunu ta’ siwi għat-talb individwali u fil-familja, fil-parroċċi u fl-iskejjel.
Jalla din l-ispiritwalita’ sservi ta’ bidu għalik biex int ukoll tikber fl-intimita’ ma’ Ġesu’. Jalla tħajrek tfittex esperjenzi spiritwali aktar profondi bħal, per eżempju, l-Irtir Injazjan biex tinvolvi aktar ruħek fl-inizjattivi tal-Knisja. Test